Alessandro Guarnone akkwist gdid u importanti Published on: 24-07-2021

 
Alessandro Guarnone Valletta FC

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?
Kien missieri li rawwimni fil-football aktar u aktar għax ħoloqli ambjent ideali sabiex inħobb dan l-isport.
 
Huwa kien jappoġġa lil Torino u għalhekk niftakarni li meta kont żgħir konna nsegwu l-logħob ta’ dan it-team fuq it-televiżjoni. Aktar ma bdejt nitfarfar, aktar bdejt inħobb il-football tant li bdejt nilgħab mal-akkademja ta’ din il-belt.
 
Meta bdejt nikber kien hemm team tad-dilettanti li jinsab fil-belt ta’ Milan li xtaq is-servizzi tiegħi.
 
Issa tajjeb li ngħidlek li jien mhux dejjem kont nilgħab fir-rwol ta’ goalkeeper. Fil-fatt sa 12-il sena jien kont nilgħab bħala player ta’ nofs il-ground. Kont nitgħaxxaq nitkaxkar u nagħmel dak li bit-Taljan nsejħulhom scivolate, jiġifieri, nitkaxkar mal-art sabiex nisraq il-ballun lill-avversarju.
 
Darba fost l-oħrajn kien hemm scout ta’ AC Milan li rani u xtaq li nagħmel prova magħhom. Kont lgħabt bħala goalkeeper u b’hekk stajt inkompli nagħmel dak li nħobb, jiġifieri, nitkaxkar iżda din id-darba biex nilqa’ l-blalen li jixxuttjaw l-attakkanti avversarji.
 
F’dan iż-żmien lgħabt ma’ xi timijiet tar-reġjun ta’ Lombardia għalkemm dħalt ukoll mat-team tal- Primavera tal-istess AC Milan.
 
Int kellek ukoll iċ-ċans li titħarreġ mal-goalkeeper attwali ta’ AC Milan u tat-team nazzjonali Taljan Gianluigi Donnarumma. X’taħseb dwar dan il-goalkeeper?
Naħseb li bħalissa dan huwa l-aqwa goalkeeper fid-dinja fejn għalkemm għandu l-etá relattivament żgħira ta’ 22 sena, diġá hu meqjus bħala veteran minħabba li lagħab aktar minn 200 logħba fis-Serie A u diġá stabilixxa ruħu mat-team nazzjonali Taljan.
 
Wara kollox meta int tilbes il-flokk ta’ AC Milan għandek responsabbiltá kbira u għalhekk trid tonorah bl-aħjar mod possibbli.
 
Dan filwaqt li kellek iċ-ċans li titħarreġ ma’ xi players li llum il-ġurnata saru rinomati mat-timijiet tagħhom ...
Iva hekk hu. Fil-fatt kelli ċ-ċans nitħarreġ ma’ Manuel Locatelli, Davide Calabria u Patrick Cutrone. Dawn mill-ewwel urew li għandhom livell għoli u talent mill-aqwa u mhux ta’ b’xejn li stabbilew ruħhom mat-timijiet tagħhom.
 
Fuq kollox player bħal Locatelli kellu l-mumenti tiegħu mat-team nazzjonali Taljan partikolarment fl-aħħar Kampjonat Ewropew. Huwa kien parti minn dan is-suċċess li kiseb it-team nazzjonali Taljan taħt il-gwida ta’ Roberto Mancini.
 
Int kellek ukoll iċ-ċans li titħarreġ taħt il-gwida tal-coach Gennaro Gattuso għal xi żmien fil-karriera tiegħek. X’inhuma l-fehmiet tiegħek dwar dan il-coach?
Iva kelli x-xorti li jikkowċjani għal ftit xhur meta kont nilgħab mat-team tal-Primavera. Gattuso huwa coach li jagħtik motivazzjoni kbira u jkun irid dejjem iktar mingħandek.
 
Mhux ta’ b’xejn li mexa ħafna fil-karriera tiegħu fejn nafu sew x’għamel ma’ Napoli meta rebbaħhom il- Coppa Italia. Narah coach ta’ prinċipju u dan jagħmlu bħala wieħed mill-ewlenin fl-Italja.
 
Kif ġejt tilgħab f’Malta?
Wara esperjenza mhux daqstant pożittiva fl- Isvizzera fejn kont qed nilgħab ma’ team li kien fiż-żona l-ħamra tal-klassifika, ġejt avviċinat minn Birkirkara FC fil-bidu tal-istaġun li għadda.
 
Spjegawli x’kien se jkun il-pjan tat-team speċjalment bl-objettiv li naslu mal-ewwel erbgħa fil-klassifika u din kienet l-iktar ħaġa li għoġbitni.
 
Rajt club organizzat fejn in-nies laqgħuni sew u fejn jien mill-ewwel kelli l- għan li nuri x’naf. Ingħatajt l-opportunitá li nagħmel dan u kuntent li għent lit-team jikseb tragwardi importanti speċjalment li kkwalifika għall-UEFA Europa Conference League.
 
Issa tinsab ma’ Valletta FC li ġejjin minn staġun mhux daqstant pożittiv u li fuq kollox naqsu milli jikkwalifikaw għall-kompetizzjonijiet Ewropej. X’taħseb dwar l-ewwel mumenti tiegħek ma’dan it-team?
Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-membri kollha tal-kumitat u anke l- players fi ħdan Valletta FC tal-mod sabiħ kif laqgħuni.
 
Mill-ewwel rajt li huma club organizzat u jaħdmu ferm tajjeb speċjalment bil-mod ta’ kif isiru s-sessjonijiet ta’ taħriġ.
 
Ninsab kuntent li ġejt nilgħab ma’ wieħed mit- timijiet ewlenin f’Malta u jien flimkien ma’ sħabi lesti sabiex nerġgħu npoġġu l-isem ta’ Valletta FC aktar fl-għoli fejn jixraqlu.
 
Kif se tħossok meta se tkun qed tilgħab kontra l-ex team tiegħek Birkirkara matul l-istaġun li ġej?
Se nħossni normali għax jien player professjonali u rrid nilgħab għall-flokk li nkun qed nilbes. Dan hu xogħlna u aħna rridu nonorawh bl-aħjar mod possibbli.
 
Nerġa’ ngħid, ninsab grat b’dak li għamlu Birkirkara għalija iżda issa rrid nimxi ‘l quddiem għax qed nilgħab ma’ Valletta FC.
 
Kemm hu possibbli li Valletta FC jerġgħu jirbħu l-kampjonat?
Dan se jkun l-objettiv primarju tagħna. Club bħal Valletta FC jrid jimmira dejjem għal dawn l-objettivi kbar għax il-mentalitá tagħhom hi waħda rebbieħa.
 
Irrid ngħid li dan il-club għaddej minn transizzjoni fejn għandu x’jaqsam pleayers iżda wkoll tmexxija. Din hi xi ħaġa li tiġri f’kull team u għalhekk l-objettiv ewlieni tal-istaff tekniku hu dak li jirnexxielhom jamalgamaw sew il-players ġodda li daħlu fit-team inkluż jien stess. Madankollu fiduċjuż li se nkunu protagonisti fl-istaġun li ġej.
 
Nistgħu nikkumparaw il-kampjonat Premier Malti ma’ dak tal-Lega Pro jew Serie C fl-Italja?
Ma tantx inħobb nagħmel paraguni bejn pajjiż u ieħor jew inkella bejn kampjonat u ieħor għax kollha jistgħu jkunu uniċi.
Li hu żgur li fl-ogħla kampjonat Malti qed nara players ta’ livell għoli u dan dejjem jawgura tajjeb għal partiti aktar diffiċli u li jkun fihom sfida. Irridu nqisu li l-Lega Pro Taljana għandha madwar 60 team u għalhekk diffiċli tagħmel paraguni.
 
Taqbel mal-format tal- kampjonat tal-istaġun li għadda fejn kien hemm 16-il team?
Naħseb li 16-il team kien numru tajjeb anke għax kellek iċ-ċans tagħmel kampjonat ideali fejn kull team jilgħab 30 partita.
 
B’xorti ħażina minħabba l-pandemija tal-COVID-19 dan kollu twaqqaf u għalhekk kull team kellu ċ-ċans jilgħab 23 partita.
 
Madankollu ngħid li naqbel ma’ dan il-format għalkemm issa naf li matul l-istaġun li ġej se jkun hemm 12-il team.
Alessandro Guarnone Valletta FC

Taqbel li fil-kampjonat team jista’ jkun jikkonsisti minn 11-il player barrani?
Sa ċertu punt naqbel għax imbagħad it-team kapaċi jissaħħaħ u għall- players Maltin dak iservi wkoll ta’ inċentiv biex jaħdmu aktar u jżidu l-livell tagħhom u għaldaqstant ikunu preparati biex ikunu regolari fl-għażla tal-coach.
 
Nemmen ukoll li player li ġej mill-Unjoni Ewropea m’għandux jitqies bħala barrani sakemm ma jkunx ‘extra-komunitarju’.
 
Rapporti kienu jgħidu li int kont ferm viċin li tiġi kkunsidrat bħala t-tielet goalkeeper ta’ AC Milan. X’ġara eżatt?
Iva seta’ kelli l-possibbiltá li nilgħab ma’ AC Milan bħala t-tielet għażla ta’ goalkeeper peress li kont ukoll parti mit-team taż-żgħażagħ fil-passat.
 
Madankollu ridt nilgħab football regolari u meta ġew għalija Valletta FC ma ħsibthiex darbtejn sabiex iffirmajt magħhom.
 
Ma nistax ma nistaqsikx dwar dak li għamel it-team nazzjonali Taljan fil-Kampjonat Ewropew. X’inhi l- opinjoni tiegħek?
 
Nemmen li l-coach tat-team nazzjonali Taljan, Roberto Mancini, għamel biċċa xogħol tajba ħafna li reġa’ ġabar grupp ta’ players mill-qiegħ u għamilhom skwadra magħquda.
 
Ma kinitx biċċa xogħol faċli wara l-falliment li ma kkwalifikawx għat-Tazza tad-Dinja 2018.
 
Madankollu huwa rnexxielu jdaħħal grupp ta’ żgħażagħ ta’ talent u issa qed jieħu l-frott ta’ dak li rnexxielu jagħmel.
 
X’se jkun il-futur ta’ Alessandro Guarnione?
Issa l-futur tiegħi huwa ma’ Valletta FC fejn se nkun qed nagħmel minn kollox sabiex it-team jwettaq objettivi importanti.
 
Naf li se jkun hemm kompetizzjoni fir-rwol ta’ goalkeeper għalkemm dan kollu jagħtini aktar motivazzjoni sabiex nagħmel aħjar.
 
Nixtieqek twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u jixtiequ jaqbdu karriera fil-football.
L-ewwel u qabel kollox huwa importanti li ma jaqtgħu qalbhom qatt ... anzi dak li jagħmlu jrid isir bil-qalb ... u hekk jirnexxu dejjem.

Intervista minn Cristian Muscat - cristianmuscat@gmail.com