Avvizi ghall-finali tal-U*BET FA Trophy Published on: 28-04-2014

 


Il-Malta Football Association tavża li l-finali tal-U*BET FA Trophy se tintlagħab il-Ħamis 1 ta’ Mejju 2014, fil-5.00pm, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali bejn Valletta FC u Sliema Wanderers FC.
 
L-Istadium Nazzjonali se jinfetaħ fit-3.00pm u l-allokazzjoni għall-partitarji se tkun din:
Valletta FC – West Stand C u Millennium Stand D
Sliema Wanderers FC – West Stand A
Partitarji Newtrali – Millennium Stand F
 
L-MFA tavża li fil-ġurnata tal-partita, biljetti għad-dħul fl-Istadium Nazzjonali se jsir biss għan-naħat ta’ West Stand A, Millennium Stand D u Millennium Stand F. Il-biljetti tad-dħul għan-naħa ta’ West Stand C ta’ Valletta FC huma diġa’ mibjugħa kollha. Il-prezzijiet tal-biljetti mill-Istadium Nazzjonali se jkun ta’ €6 adulti, €4 Karta-Anzjan u €1 Tfal (Taħt it-12 –il sena).
Iż-żewġ klabbs rispettivi ta’ din il-finali se jibqgħu jbiegħu l-biljetti sas-7.00pm tal-Erbgħa, 30 ta’ April.  
 
Il-partitarji ta’ Valletta FC mitluba biex jidħlu min-naħat tal-Mosta u jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-‘Parking Area’ tal-West Stand. Il-partitarji ta’ Sliema Wanderers u dawk newtrali mitluba li jidħlu min-naħat ta’ Ħat-Attard u jipparkjaw il-vetturi tagħhom fl-inħawi tal-Park Nazzjonali.   
Il-cards elettroniċi ‘Orange Cards’ kollha u ‘White Cards’ ta’ Valletta FC u Sliema Wanderers FC huma eliġibbli li jintużaw fil-ġurnata, iżda dawk biss immarkati Valletta FC u Sliema Wanderers FC se jkollhom aċċess għall-West Stand A jew C. Il-kumplament tal-“Orange Cards” l-oħra se jkollhom aċċess fil-partijiet l-oħra tal-Istadium Nazzjonali. Dawn l-arranġamenti saru bi qbil bejn il-Pulizija ta’ Malta, l-MFA u l-klabbs rispettivi. 
 
Il-persuni li jużaw siġġu tar-roti u li jridu jattendu għal din il-partita għandhom jiktbu lill-MFA fl-indirizz elettroniku matchoperations@mfa.com.mt biex jiġu assenjati post f’żona riservata sa mhux aktar tard mill-Erbgħa, 30 ta’ April fl-12.00pm. L-MFA tavża wkoll li fil-ġurnata tal-partita, l-inħawi tal-Istadium Nazzjonali, se jkunu magħluqa għat-traffiku minn kmieni filgħodu. L-aċċess minn quddiem l-MFCC għal madwar l-Istadium Nazzjonali se jkun magħluq għal kull tip ta’ traffiku. 
 
L-MFA tawgura festa ta’ futbol sabiħa milgħuba fi spirtu sportiv u tħeġġeġ lill-partitarji biex fil-ġurnata tal-partita jimxu mal-istruzzjonijiet tal-Pulizija ta’ Malta. 
 
 
Mark Attard
Malta Football Association
Press Officer