John Borg: u Joe Attard inhatru f`working group tal-ECA Published on: 08-11-2010

John Borg u Joe Attard inħatru f’working group tal-ECA
Riċentament saru magħrufa kif se jkunu komposti l-working groups tal-European Club Association li hija organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-klabbs fl-Ewropa. Fi ħdan l-ECA hemm ħames working groups li huma responsabbli mill-Istituzzjonijiet, Kompetizzjonijiet, Finanzi, Marketing u Kommunikazzjoni u Youths. Fi tnejn minn dawn il-working groups se jkun hemm żewġ rappreżentanti Maltin li huma JOHN BORG ta’ Birkirkara FC fi ħdan il-working group tal-Istituzzjonijiet u JOE ATTARD ta’ Valletta FC fil-working group tal-Kompetizzjonijiet. Il-ġurnalist sportiv JOSEPH FARRUGIA tkellem ma’ dawn iż-żewġ uffiċjali dwar il-ħidma tal-ECA u tagħhom personali fi ħdan l-istess organizzazzjoni u kif tista’ tolqot fost l-oħrajn il-futbol Malti.B’sodisfazzjon għal pajjiżna huma tnejn ir-rappreżentanti Maltin fl-Ewropa fuq livell ta’ klabbs fil-European Club Association. Wieħed minnhom huwa s-segretarju ta’ Valletta FC, Joe Attard, li nħatar biex jifforma parti mill-working group tal-ECA responsabbli mill-kompetizzjonijiet.
Madankollu l-konnessjoni ta’ Attard u tal-klabb Belti mal-klabbs Ewropej fi ħdan l-ECA bdiet sentejn ilu kif spjega s-segretarju ta’ Valletta FC f’din l-intervista dwar il-ħatra ġdida.
“Il-konnessjoni tiegħi mal-Ewropa bdiet madwar sentejn ilu wara li Valletta FC ġew mistiedna bħala membri fl-ECA. Kien il-president ta’ Valletta, is-Sur Victor Sciriha, li nnominani personalment biex immur għal dik il-laqgħa. Bla dubju ħassejtni ftit nervuż nirrappreżenta lill-klabb fl-Ewropa ftit jiem wara li nħtart segretarju ġenerali ta’ Valletta FC iżda nirringrazzja lil sħabi kollha tal-kumitat tal-appoġġ u l-kuraġġ kbir li tawni bix stajt nibda din l-isfida ġdida”, qal Attard.
Dan kien il-bidu li fetaħ orizzonti ġodda għal Attard u Valletta FC fl-Ewropa wara li kien nominat fil-working group tal-kompetizzjonijiet tal-ECA miċ-ċermen tal-istess grupp, Umberto Gandini, li huwa wkoll id-direttur organizzattiv ta’ AC Milan. X’inhi r-relazzjoni ta’ Attard ma’ Gandini u x’wassal biex ikun nominat għal dan il-working group?
“Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Umberto Gandini hija tajba ħafna kif inhi mal-kumplament tal-membri l-oħra tal-working group. Il-membri l-oħra kollha għamluhieli faċli fis-sens li laqgħuni ħafna fl-assemblea ġenerali tal-ECA b’mod partikolari mal-amministrazzjoni tal-ECA li għandi relazzjoni tajba ħafna magħhom fil-ħidma tiegħi. Naturalment fl-assemblea ġenerali jkollok l-opportunità tiltaqa’ u tiddiskuti temi relatati mal-futbol, bl-iktar importanti huwa li taħtaf l-opportunità u tibni relazzjonijiet ġodda ma’ uffiċjali ta’ klabbs Ewropej oħrajn b’mod partikolari dawk li jgawdu ċertu saħħa fl-Ewropa.
“Għaldaqstant naħseb li l-mod kif naħdem u l-ideat tiegħi jidhru li niżlu tajbin ma’ ħafna amministraturi u li allura seta’ wassal biex inkun kunsidrat serjament u finalment nominat.

Kif jindika l-isem tal-working group, il-ħidma prinċipali tiegħu se tkun relatata mal-kompetizzjonijiet iżda iktar dwar il-kompożizzjoni tal-grupp u l-ħidma tiegħu, Attard qal:
“Il-working group tal-kompetizzjonijiet tal-ECA huwa kompost minn 18-il membru u magħhom hemm iċ-ċermen Umberto Gandini u l-viċi-ċermen Damir Vrbanovic ta’ Dinamo Zagreb filwaqt li fost il-membri hemm Emilio Butragueno ta’ Real Madrid u Luis Figo ta’ Inter.
“Il-kompożizzjoni finali tal-working group saret fl-4 ta’ Ottubru li għadda mill-bord eżekuttiv tal-ECA. Filfatt dak in-nhar saret l-għażla finali tal-ħames working groups tal-ECA fejn nifraħ ukoll lil sieħbi John Borg ta’ Birkirkara li wkoll intgħażel f’wieħed minn dawn il-bordijiet u li miegħu għandi relazzjoni tajba ħafna.
Natura teknika
“In-natura tal-working group tagħna hija iktar teknika u l-membri kollha tal-working group iridu jkunu familjari mal-kompetizzjonijiet Ewropej u dan biex inkunu nistgħu niddiskutu, nifformaw ideat u nissostanzjaw l-argumenti tal-ECA f’diskussjonijiet ewlenin fejn jidħlu kompetizzjonijiet. Il-working group tagħna għandu sehem importanti ħafna fl-appoġġ tiegħu lill-bord u lir-rappreżentanti tal-ECA involuti f’diversi kumitati tal-UEFA, tal-FIFA u tal-Unjoni Ewropea”.
Bla dubju li rappreżentant f’working group importanti bħal dan biex nipproteġu lil klabbs iż-żgħar bħal dawk Maltin fil-kompetizzjonijiet Ewropej huwa utli ħafna.
“Importanti ħafna li klabbs żgħar bħal dawk Maltin ikollhom rappreżentanza fi gruppi u bordijiet bħal dawn biex jipproteġu lilhom infushom mill-klabbs il-kbar u dominanti fix-xena internazzjonali. Iżda l-bord eżekuttiv tal-ECA stess jirrikonoxxi dan il-fatt tant li żied il-membri fil-working groups minn 11 għal 18 biex b’hekk ir-rappreżentanza tkun proporzjonalment aħjar u iktar ugwali bil-għan li l-klabbs u l-assoċjazzjonijiet iż-żgħar ikollhom vuċi iktar b‘saħħitha wkoll.
“Filfatt il-membri kollha huma ttrattati l-istess u ħassejtni ferm onorat u kburi li jien Malti meta ġejt mitlub biex niffirma ħdejn l-emblema ta’ Valletta FC li kienet impoġġija ħdejn emblemi ta’ klabbs Ewropej oħrajn meqjusa ġganti fil-futbol Ewropew bħal Manchester United u Real Madrid”.
Biex tkun attiv f’working group delikat tal-kompetizzjonijiet, irid ikollok ħsebijiet mhux ħażin b’mod partikolari dwar xi riformi li jistgħu jsiru. Is-segretarju ta’ Valletta FC x’jixtieq jissuġerixxi?
Huwa qal: “Fost l-argumenti li se ninsisti fuqu huwa dwar il-karti sofor fil-bidu tal-kompetizzjonijiet Ewropej wara li dawn xejn ma jiffavorixxu lill-klabbs Maltin. Filfatt diġà ktibt u lmentajt mal-UEFA wara l-logħba kontra St. Patrick fejn Priso Doding kien irċieva t-tieni karta safra u għalhekk kien sospiż għal-logħba ta’ ritorn kontra l-istess klabb. Priso ntwera l-ewwel karta safra fl-Islanda meta St. Patrick’s lanqas biss kienu għadhom daħlu fil-kompetizzjoni. Nemmen li bi Priso fit-tim stajna għamilniha għat-tielet rawnd. Il-UEFA rrispondietni u qaltli li dan is-suġġett għandu jiġi diskuss u għalhekk issa huwa l-waqt li nressqu ’l quddiem.
“Fattur ieħor li tkellimt ma’ Gandini kien dwar l-użu tat-teknoloġija fuq il-linja tal-gowl. Jien nistqarr bla tlaqlieq li favur din it-tip ta’ teknoloġija wara li l-futbol ma jaffordjax iktar żbalji u l-konsegwenzi llum jiswew ħafna.
“Naturalment maż-żmien se jinbtu ċirkostanzi li jpoġġu taħt il-lenti l-kompetizzjonijiet Ewropew u minn hawn inħeġġeġ ukoll lil dawk kollha li jixtiequ jgħaddu suġġerimenti biex iżuru l-website tal-klabb www.vallettafc.net u jidħlu fis-sessjoni tal-kuntatti u jagħżlu segretarju ġenerali. Kull suġġeriment nilqgħu mill-qalb u nkun dispost inressqu ’l quddiem fil-working group”.
Finalment Attard xtaq jirringrazzja lill-president ta’ Valletta FC, Victor Sciriha għall-appoġġ kbir u kontinwu tiegħu, lil sħabu tal-kumitat, lill-plejers, lill-istaff tekniku, lill-membri u lill-partitarji u lill-eks tim maniġer tal-klabb, Nicky Saliba, li kien hu li ntroduċieh f’din il-pożizzjoni tal-klabb Belti. Iżda mhux b’inqas Attard xtaq jirringrazzja lill-familja tiegħu għall-paċenzja kbira li tieħu u tgħinu fl-impenji tiegħu relatati mal-futbol.
Il-viċi president ta’ Birkirkara FC, John Borg, jista’ jitqies veteran fil-ħidma tiegħu fl-Ewropa fuq livell ta’ klabbs wara li serva għal żewġ perjodi fuq il-bord tal-European Club Forum li llum m’għadux jeżisti bit-twaqqif tal-European Clubs Association.
Għaldaqstant Borg għandu l-privileġġ li kien involut f’din it-tranżizzjoni u ma jistax ikun l-iktar idejali biex jispjega x’ġara minnu l-ECF u għalfejn inħolqot l-ECA.
“Il-European Club Forum kienet speċi ta’ union tal-klabbs li ġiet imwaqqfa fuq inizjattiva tal-UEFA però fl-istess ħin taħt l-istess kappa tal-UEFA, organizzata minn nies tal-UEFA u ffinanzjata mill-istess UEFA direttament.
“L-ewwel jiem ta’ din l-għaqda kienu ferm impenjattivi għaż-żewġ naħat, jiġifieri klabbs u UEFA, għax dak iż-żmien kien hemm ħafna punti li kienu qegħdin jheddu tilwima bejn il-UEFA u l-grupp tal-G14 kompost mill-klabbs il-kbar ta’ dak iż-żmien u li kienu l-makna li tmexxi ċ-Champions League.
“Wara perjodu ta’ sentejn saru l-ewwel elezzjonijiet fejn ġejt elett biex nirrappreżenta lill-klabbs iż-żgħar fi ħdan il-UEFA b’maġġoranza ta’ ftit aktar minn 60% tal-voti mitfugħa. Wara l-ewwel perjodu ta’ sentejn, erġajt ġejt elett, din id-darba b’maġġoranza ta’ 95% tal-voti iżda din id-darba għal tliet snin.
“Wara dan il-perjodu l-UEFA waslet fi ftehim mal-ECF permezz ta’ ‘memorandum of understanding’ biex il-forum jiġi xolt u minflok tinħoloq il-European Club Association li kellha tkun għaqda ġdida totalment awtonoma mill-UEFA, però li taħdem id f’id mal-UEFA għall-ġid komuni tal-futbol Ewropew.
“Wieħed mill-punti kruċjali ta’ dan il-‘morandum of understanding’ kien li jiġi xolt ukoll il-grupp tal-G14 u jitwaqqgħu l-każi legali li kien hemm mal-UEFA quddiem il-qorti sa dak in-nhar. Ieħor kien li l-ECA jkollha sehem aktar dirett fid-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-UEFA li jirrigwardaw tibdiliet fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA kif ukoll deċiżjonjiet li jikkonċernaw liċenzji tal-UEFA u kif jitqassmu l-flus iġġenerati mill-istess kompetizzjonijiet tal-UEFA.
“B’hekk inħoloq il-famuż Strategy Board magħmul mill-UEFA, ECA, FIFPRO u l-Leagues Association biex b’hekk il-klabbs kellhom vot b’saħħtu biex jiddeterminaw il-futur tal-futbol fl-Ewropa. Meta ġie xolt l-ECF, il-membri li kienu fil-bord dak in-nhar inħatru membri fundaturi tal-ECA biex b’hekk l-isem ta’ Birkirkara FC u ta’ Malta tniżżel fl-istorja b’ittri tad-deheb u awtomatikament rebaħ id-dritt li jkun membri tal-istess ECA għal dejjem, jekk mhux bħala membru ordinarju skont il-koeffiċjenza, bħala associated member”.
Iżda x’inhi l-funzjoni proprja tal-ECA u x’inhi d-differenza mill-ECF?
“Id-differenza prinċipali bejn l-ECF u l-ECA hi l-awtonomija għax issa l-ECA hija organu totalment indipendenti mill-UEFA b’nies impjegati tagħha u mhux tal-UEFA. L-ewwel segretarju ġenerali maħtur mill-ECA kien Michele Centenaro li sa dak in-nhar kien uffiċjal għoli fi ħdan il-UEFA u ddeċieda li jilqa’ l-istedina taċ-ċermen tal-ECA, Karl-Heinz Rummenigge biex ‘jaqsam il-kamra’ għalkemm f’dan il-każ il-qasma kienet waħda bejn il-ħbieb.
“Ta’ min wieħed isemmi wkoll li l-ECA tiġi ffinanzjata mis-sehem tal-UEFA tal-qliegħ miċ-Champions League biex b’hekk ma tnaqqas xejn mis-sehem tal-klabbs f’dak li huwa dħul minn din il-kompetizzjoni”.
Finanzi
Għal Borg din mhux se tkun l-ewwel ħidma f’working group tal-ECA minħabba li ta kontribut fil-working group tal-finanzi. Il-finanzi għal klabbs Ewropew żdiedu, b’mod partikolari għal dawk meqjusa żgħar bħal Malta. Iżda x’kien il-kontribut ta’ Borg f’dan ir-rigward?
“Intlabt nifforma parti mill-working group tal-finanzi minħabba l-fatt li jien kont speċi ta’ gwerrier tal-klabbs iż-żgħar fil-flus li konna nirċievu mill-UEFA. Kont immur tajjeb sew ukoll mal-klabbs il-kbar b’argumenti kostruttivi u fl-istess ħin kont nuri t-tbatijiet tal-klabbs iż-żgħar b’mod dinjituż mingħajr ma nitkarrab għall-karità. Fil-perjodu li servejt fil-working group tal-finanzi ilħaqna ftehim mal-UEFA fuq tibdiliet drastiċi fil-kriterji finanzjarji tal-liċenzja tal-UEFA (Break Even Rule). Dawn it-tibdiliet saru biex il-futbol ma jgħaddix mill-istess kollass finanzjarju li kienu għaddejjin bir-riċessjoni mondjali. Poġġejna argumenti sodi fir-rigward tal-klabbs iż-żgħar u saħansitra ġiet stabbilita li din ir-regola tgħodd biss għall-klabbs b’nefqa annwali ta’ €5m ’il fuq.
“Ħdimt ħafna wkoll biex fil-futur jerġa’ jkun hemm żieda fil-flus li l-klabbs jieħdu talli jikkompetu fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-kompetizzjonijiet Ewropej, speċjalment meta jkun hemm żieda fil-qliegħ li jkun imbassar mill-kompetizzjoni taċ-Champions League, ħaġa li qegħda ssir kważi kull sena. Wieħed ma jridx jinsa li l-qliegħ ta’ din l-istess kompetizzjoni fl-istaġun li għadda kien ta’ madwar Biljun ewro, li 75% jmorru direttament għall-klabbs”.
Iżda issa ħidmietu se tkun fil-working group responsabbli mill-istituzzjonijiet. X’inhu dan il-grupp u f’hiex tikkonsisti l-ħidma ġdida tiegħu?
“Għall-perjodu ta’ sentejn li ġejjin, jiġifieri sal-2012, inħtart membru fil-working group tar-relazzjonijiet istituzzjonali li jikkonċerna diskussjonijiet ma’ entitajiet diversi fosthom l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa, il-FIFA, eċċ. Prattikament jiġi diskuss dak kollu li jista’ jkun ta’benefiċċju għall-klabbs”.
Borg ġie nominat miċ-ċermen tal-ECA, Karl-Heinz Rummenigge, u dan ifisser li jgawdi relazzjoni u rispett minn din il-persuna ta’kalibru. Rummenigge se jkun ukoll iċ-ċermen tal-working group li fih hemm Borg innifsu. X’inhi r-reazzjoni ta’ Borg li ġie nominat minn persuna bħal Rummenigge u għalfejn jaħseb li ġie nominat? U minbarra l-fatt li ġie nominat, kif normalment jinħatru l-membri?
“Naturalment tieħu gost li tifforma parti minn working group li jkun immexxi mill-istess ċermen tal-ECA, Karl-Heinz Rummenigge, li huwa persuna prominenti fix-xena kalċistika. Jien għamilt perjodu ta’ħames snin inservi bħala membru fil-bord tal-ECF ma’ Rummenigge u naturalment bnejna u għad għandna rapport tajjeb bejnietna.
“In-nominazzjonijiet isiru permezz ta’ talbiet mill-individwu li wara li jiġu magħżula l-membri minn fost l-applikazzjonijiet. Naturalment ikun hemm talbiet aktar milli jkun hemm postijiet u għalhekk l-aħħar deċiżjoni hija tal-bord tal-ECA. Kull membru fil-bord huwa ċermen ta’ working group u huma jagħżlu l-persuni li jaħsbu li jistgħu jagħtu kontribut siewi lill-istess working group. Kundizzjoni waħda tal-working groups hija li jkun hemm rappreżentanza minn membri ġejjin mill-erba’ sub divisions ta’ klabbs skont ir-rankings”.
Għal pajjiż żgħir bħal tagħna huwa importanti li jkollna vuċi f’dawn l-istituzzjonijiet iżda bil-pożizzjoni tiegħu, Borg kif jaħseb jista’ jgħin lill-klabb tiegħu ta’ Birkirkara FC kif ukoll naturalment lill-futbol Malti inġenerali?
“Nittama li permezz ta’ dawn il-working groups inkun nista’ nsemma’ l-vuċi tal-klabbs iż-żgħar f’dak kollu li jikkonċernana kif ukoll nara kif ċertu tibdiliet jistgħu jkunu ta’benefiċċju għall-futbol inġenerali speċjalment għall-pajjiż żgħir bħal Malta.
“Naħseb li d-diskussjonijiet ma’ setturi differenti tal-Unjoni Ewropea ikun ta’benefiċċju kbir biex nuru d-diffikultajiet li jiffaċċjaw pajjiżi żgħar bħal tagħna fl-isfera tal-futbol kif ukoll f’kull forma ta’ sports inġenerali. Meta nkun qiegħed nipparteċipa f’dak kollu li joffri l-ECA, ma nkunx biss Karkariż, però aktar importanti inkun Malti u naġixxi b’mod li dak li nistgħu nibbenefikaw il-klabbs, nibbenefikawh flimkien bħalma dejjem ġara sa issa, naturalment dejjem skont il-kriterji stabbiliti u eżistenti llum”.
Source www.l-orizzont.com - josephfarrugia19@yahoo.com